Società Filarmonica La Vittoria

Merhba.......

L-isem “Il-Mellieħa” huwa sinonimu mal-melh u l-għasel, hekk ukoll l-isem La Vittoria huwa sinonimu mal-festa ta’ Maria Bambina li hija ċċelebrata kull sena fit-8 ta’ Settembru.  Data li hija marbuta mar-rebħ tal-Assedju l-Kbir mill-Kavillieri ta’ San Ġwann flimkien mal-Maltin li jmur lura sal-1565.  Kienet f’dik id-data tat-8 ta’ Settembru li seħħ dan l-avveniment.  Il-fundaturi tas-Soċieta’ Filarmonica La Vittoria għalhekk tawha dan l-isem sabiex jibqa’ marbut mal-istorja ta’ Malta u tal-festa tal-patruna tagħna.

Dan is-sit elettroniku għandu jkun pass pożittiv sabiex b’mezzi moderni nwasslu dak li jkun qiegħed jiġri fi ħdan is-soċjeta minn żmien għal ieħor. Kemm hu possibli se nżommu dan is-sit aġġornat ħalli dawk kollha li jinteresshom ikunu jistgħu jsegwu dak li jkun qiegħed jiġri, l-aktar l-emigranti u ammiraturi oħra.  Is-sit tagħna se jkun b’żewġ lingwi: il-Malti u l-Ingliż.

Nawguralkom li ssibu din is-sit interessanti u napprezzaw li tibgħatu l-kummenti u idejat.  Inwiegħedukom li nagħtu każhom u fejn hu possibli nwettquhom.


 

Mr Pawlino Mifsud  - PresidentMessaġġ minn Pawlino Mifsud –
President tas-Societá Filarmonica La Vittoria


VITORJA 2010

Reġgħet waslet. 
            Il-Festa t-tajba.

Għeżież ħbieb,

Sena mpenjattiva, sena ta’ tagħlim, sena ta’ kuraġġ, sena ta’ xogħol bla waqfien, sena tas-SOĊJU EMIGRANT, sena li ħdimna ħafna sabiex insaħħu l-pedamenti tal-amministrazzjoni tas-SOCIETÀ FILARMONICA LA VITTORIA.  Inħoss li l-motto: NIMXU ‘L QUDDIEM FL-GĦAQDA bil-mod il-mod qegħdin naslu għal dan il-għan.  Mhux faċli, imma mhux impossibbli. FL-GĦAQDA S-SAĦĦA.

SOĊJU EMIGRANT
Irrid nibda billi ninfurmakom li dik in-novità li ntroduċejt is-sena l-oħra fil-messaġġ tiegħi ta’ SOĊJU EMIGRANT kienet suċċess.  Kburin li llum is-Soċjetà għandha membri mill-erba’ t’irjieħ tad-dinja.  Għandna Soċji Emigranti fil-Kanada, fl-Istati Uniti tal-Amerika, u fl-Awstralja.  L-ewwel applikazzjoni ta’ Soċju Emigrant waslet mill-Kanada tas-Sur Frans Caruana.  Prosit, grazzi u nistedinkom li oħrajn jiżdiedu mal-familja La Vittoria.

STATUT
Bl-approvazzjoni tal-Kumitat tad-Direzzjoni, inħatar Kumitat Reviżjoni Statut iffurmat mis-Sinjuri Joe Borg, Saviour Fenech, Anthony C. Gauci, l-Avukat Karl Sammut u minni.  Ħassejt il-bżonn li nirrevedi l-Istatut li kien ilu ma jiġi rivedut kompletament iktar minn ħamsa u għoxrin sena ilu.  Minn wara l-Vitorja 2009 aħna ħdima sigħat twal sabiex dan id-dokument daqshekk importanti nagħtuh dak il-qawmien ġdid li jkun konformi maż-żminijiet u l-liġijiet tal-lum.  Issa wasal fi proċess fejn irid jgħaddi mill-Kumitat tad-Direzzjoni u wara għall-approvazzjoni tas-Seduta Ġenerali.  L-Istatut il-ġdid se jagħtina tisħieħ ta’ kif namministraw il-każin tagħna.

PROĠETTI
Is-sena li għaddiet konna mpenjati sabiex naħdmu fuq żewġ proġetti kbar dak tal-monument tal-Perit Carm Lino Spiteri u tad-Dekor tal-Planċier.  Bi pjaċir inħabbru li l-proġett tal-monument tal-Perit Carm Lino Spiteri issa huwa lest u ġie nawgurat mill-Onor. Dr. Lawrence Gonzi Prim Ministru ta’ Malta fid-9 ta’ Frar 2010 f’għeluq is-sentejn mill-mewt tal-Perit. Fil-ktieb ta’ din is-sena li jidher f’din is-sit elettroniku tistgħu ssegwu dak kollu li ġara dak inhar.  Proġett ieħor dak tal-planċier nistgħu ngħidu li għalkemm ix-xogħol baqa’ għaddej però kellna nnaqqsu ftit ir-ritmu minħabba li qabel jitkompla ried isir xogħol ieħor.  Il-ħsieb tagħna huwa li dan jitlesta fl-inqas żmien possibli. 

ATTIVITAJIET
Settembru 2009 – Awwissu 2010 kienet sena li nistgħu ngħidu li għaddiet bħal leħħa ta’ berqa għax minn ħaġa morna għal oħra u ssib li s-sena ħarbet.  Nitlobkom issegwu dak li s-soċjetà għaddiet minnu mill-ktieb mimli artikli u ritratti li żgur jinteressawkom fuq din il-website. 

RECORDING TA’ MARĊI ĠODDA
Din is-sena  wkoll ir-rekordjajna sett ta’ marċi ġodda. Wara ħafna snin il-kant tal-Innu tal-Banda huwa kantat mill-Kor tat-Tfal tas-soċjetà.  Jekk tkunu tridu takwistaw kopja bgħatulna email fuq: vittoria@maltanet.net.

AWGURI U TISLIJIET
Nixtieq nibda minn sħabna emigranti li għalkemm il-bogħod minn xulxin iżda ħsibiejtna u qalbna qieqħda magħkom.  Min jaf x’nostalġija jkollkom meta jibda joqrob dan iż-żmien. Nistħajjel dawk il-ħsejjes tal-qniepen, tal-baned, tal-murtali, taċ-ċikċifovu, tal-kant ferrieħi tal-innijiet ad unur tal-patruna, il-kant waqt il-funzjonijiet reliġjużi, kif ukoll l-għajta tal-bejjiegħa tal-qubbajt żgur li jkunu jidwu f’widnejkom.  Min jaf minn dak il-moħħ ta’ kull wieħed u waħda minnkom kemm jgħaddu affarijiet sbieħ relatati mal-festa tal-Vitorja.

Minn qalbi u għan-nom tas-Società Filarmonica La Vittoria nawgura l-emigranti kollha  l-festa t-tajba b’mod speċjali din is-sena li jaħbat l-2025 sena mit-twelid tal-patruna tagħna Maria Bambina.

Nixtieq insellem lil sħabna li ħallewna u lill-familjari tagħhom.

Ippermettuli wkoll li nawgura l-festa t-tajba lill-morda tagħna, lill-anzjani kollha li ma jkunx possibli li jipparteċipaw fil-festa kif ukoll lil dawk kollha li jieħdu ħsiebhom.  Fl-aħħar u xejn inqas lill-familja La Vittoria, lill-għaqdiet kollha flimkien mal-komunità Melleħija u dawk li jżuruna waqt il-festa.

Awguri sinċieri lill-sħabna tal-Għaqda Mużikali Imperial f’għeluq it-tmenin sena mit-twaqqif tagħha.

Jalla Maria Bambina tkompli żżomm ħarsitna fuqna sabiex fl-għaqda, f’armonija, u paċi nagħmlulha festa kif jixraq ta’ poplu solidari Mellieħi li aħna.

VIVA MARIA BAMBINA

21 t’Awwissu 2010