Società Filarmonica La Vittoria

Profil

SOCIETA FILARMONICA LA VITTORIA
MELLIEĦA - A.D. 1907

 

Is-Societa Filarmonica La Vittoria twaqfet fl-1906 meta grupp ta rġiel iltaqgħu u ffurmaw Kumitat bil-ħsieb li fil-futur iwaqqfu Banda bl-isem La Vittoria. L-ewwel President tas-Soċjeta kien in-Nutar Luigi Gauci Forno.

L-ewwel Surmast tal-banda kien Carmelo Doneo li kellu taħt idejh il-Banda Militari. Hu gie nkarigat mit-tagħlim tal-mużika lill-ewwel bandisti mill-Mellieħa - ħaġa li għandna ngawdu sal-lum.

Fil-31 ta’ Lulju 1906, quddiem in-Nutar Giuseppi Bonnici sar l-att tax-xiri ta’ l-ewwel strumentatura li kienet tikkonsisti 47 strument li swiet £144.65p. Il-Banda La Vittoria daqqet għall-ewwel darba qabel il-festa ta’ l-1907 quddiem is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa bħala ringrazzjament lill-Madonna.

L-ewwel dehra uffiċċjali tal-Banda La Vittoria kien fis-7 ta’ Settembru 1907 meta għamlet  marċ f’nofsinhar u filgħaxija tellgħat Programm Mużikali fil-Pjazza tal-Parroċċa. Dan kien fil-Festa Titulari tal-Vitorja.

L-ewwel Dar tas-Soċjeta’ kien fin-numru 4 Pjazza tal-Parroċċa. Wara ftit is-Soċjeta’ bidlet il-Każin u marret fin-numru 7, u iktar il-quddiem fin-numru 43 dejjem fl-istess pjazza. Mill-1958 il-Każin mexa għall-numru 23 fil-Pjazza tal-Parroċċa  fejn għadu sal-lum. Il-Każin inxtara fl-1959 mingħand Dott. Bonavia.  Wara ftit taż-żmien ġie deċiż li l-ġnien li kien hemm fuq wara jiġi kkonvertit f’Sala kbira. Matul is-snin saru diversi tibdiliet strutturali fil-bini tal-Każin. Fl-1994 waqt Seduta ġenerali ġie deċiż li l-parti l-antika titwaqqa u minflokha titla binja moderna skond l-esiġenzi ta’ żminijietna. Dan ix-xogħol intemm fl-1995 u fl-1997 ġie inawgurat uffiċċjalment mill-President ta’ Malta l-E.T Dr Ugo Mifsud Bonnici. Fil-preżent wieħed jista jara u japrezza din il-ġawhra arkittetonika li tikkomplimenta u ssebbaħ il-Pjazza tal-Parroċċa.

Wieħed jista jgħid li l-Banda La Vittoria daqqet f’kull raħal f’Malta u Għawdex. Ħadet sehem fil-Karnival ta’ Malta u għall-diversi snin  ġiet ikklassifikata fl-ewwel post. Daqqet ukoll barra minn xtutna fosthom fi Sqallija u t-Tuneżija. Ipparteċipat ukoll f’diversi okkażjonijiet Nazzjonali. Il-Banda laqat lill-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II meta għamel żjara lix-Xbiha tal-Madonna meqjuma fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa.

Fl-2007 is-Societa Filarmonica La Vittoria iċċelebrat l-Ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha.


- DIREZZJONI
- PRESIDENTI
- SURMASTRIJIET